clear  
clear
  
home
profile
initiatives
news
interviews
constituency
activities
photo gallery
helpers
contact
links
downloads
media

 

 

 

 

 

 

 



"JEKK HEMM BZONN, HAJTI KOLLHA!"

 

Vernon Walters, bniedem militari Amerikan, fil-karriera twila tiegħu intbagħat minn diversi Presidenti ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, ta’ partiti differenti, għal missjonijiet diffiċli fejn ma setgħux jidhru huma’; bħal xi missjoni sigrieta biex jiġu meħlusa ostaġġi Amerikani; jew inkella sabiex ikun jaf l-opinjonijiet ta’ mexxejja alleati; jew inkella sabiex iwassal xi messaġġ lil xi pajjiż li r-relazzjonijiet tiegħu ma’ l-Amerika ma kenux tajbin.

Walters, li kien kattoliku prattikanti, dejjem qeda dmiru b’lealta’ kbira’ għalkemm kellu fehmiet politiċi tiegħu, dejjem serva lill-President, u mar fejn bagħtuh.

Darba minnhom f’waħda minn dawn il-missjonjiet, spiċċa fil-ġungla li ma tispiċċa qatt ta’ l-Amazon fil-Brażil; fl-Amazon kemm diversi tribujiet, uħud minnhom kważi maqtugħin għal kollox mid-dinja moderna; terġa’ ħafna minn dawn it-tribujiet, għandhom id-djalett jew lingwa tagħhom.

F’wieħed minn dawn it-tribujiet sab missjunarju lajk amerikan. Dan il-missjunarju kien jagħmel parti minn grupp reliġjuż li xogħlu kien li jittraduċi il-Bibbja fl-lingwi kollha mitkellma fid-dinja. Kien qiegħed hemm sabiex jittraduċi il-Bibbja fil-lingwa ta’ dan it-tribu’, mitluf fil-qalba tal-ġemgħa; meta Walters saqsieh kemm jaħseb li kien se jdum f’dil-missjoni tiegħu, il-missjunarju wieġbu: “ma nafx: jekk hemm bżonn forsi ħajti kollha”.

Id-dedikazzjoni u vokazzjoni ta’ ħafna nies li jagħmlu l-ġid u jgħixu għal ħaddieħor “bil-moħbi”, qatt ma jidhru fil-paġni tal-gazzetti, għaliex l-aħbarijiet sensazzjonali iservu aħjar il-kurżita tal-qarrejja li l-gazzetti jħobbu jgħarrxu. Pero’ huma dawn in-nies ta’ wara l-kwinti li jagħmlu l-Knisja sinjura, u dawn huma il-veri teżori tagħha.

Kull darba li niltaqa’ ma’ xi membru ta’ komunita’ li jagħmlu xogħol “għal ħaddieħor”, nara fihom – għall-inqas dawk li huma ġenwini – ċerta trankwilita’ li hija riflessa fl-attitudinijiet tagħhom, f’ħarsithom u fuq kollox f’għajnejhom. Jitkellmu b’ċerta ħeġġa li ħierġa minn qawwa interna li ma tidhirx. L-aktar li nara dil-ħaġa hi fis-sorijiet tal-klawsura; hawn min għandu ideja żbaljata tal-ħajja f’klawsura; u hawn minn jippontifika u jgħid li dawn huma membri “moħlija” li jistgħu jintużaw għal skopijiet iktar prattiċi. Xejn ma hu ibgħed mill-verita’. Dawn il-komunitajiet , kull darba li ltqajt magħhom, ninnota li jxerrdu u jirradjaw ċertu ferħ intern u estern li diffiċli li tiddeskrivih. Bħalma hu diffiċli li tiddeskrivi l-ferħ u paċi ġewwinija li tħoss meta tagħmel azzjoni tajba lil ħaddieħor. Kemm il-darba aħna nfittxu l-ferħ f’oġġetti, miżuri u ħwejjeġ li temporanjament iserrħu l-menti jew il-ġisem; iżda ma hawn xejn li jirbaħ it-trankwilita’ li wieħed iħoss meta jgħin lil ħaddieħor.

Niftakar wieħed tabib jirrakontali storja ta’ wieħed oftamalogu, li meta ġiet waħda mara biex jaralha għajnejja, tant kienet sfigurata u mkemxa, li kienet l-eqreb li wieħed jista’ jimmaġina għal saħħara.

Madankollu meta raha qallha “Sabiħa tiegħi, ejja ħa narak”; probabbli ħadd ma kien qatt sejħilha “sabiħa”; iżda dik l-azzjoni tajba probabbli ferħet qalb ta’ bniedma li ħasbet li hemm min jirrispettaha għal li hi u mhux kif suppost tkun.

Kemm hu diffiċli ħafna drabi li n-nies naċċettawhom kif inhuma: ħafna drabi irriduhom bħalna, qisu hawn xi ħadd eżatt bħal ħaddieħor; mentri irridu dejjem naċċettaw lil ħaddieħor bil-karatteristiċi tiegħu. Kemm ġlied jinqala’ proprju għaliex irridu lil uliedna jew il-konjugi tagħna mera tagħna nfusna; jekk inti għandek kariga, professjoni jew sengħa, irriduhom ikunu bħalna flok inħalluhom jiżviluppaw il-personalita’ tagħhom.

Il-Mulej aċċetta lil kull min iltaqa’ miegħu kif inhu; lil Mattew li kien jiġbor it-taxxi, u kien jeffrekwenta postijiet li għandhom jiġu evitati, mar ifittxu hu u sejjaħlu għal warrajh; xena immortalizzata fil-pittura tal-Caravaggio f’San Luigi dei Francesi f’Ruma. Ma kellux preġudizzji dwar sinjuri u fqar; kien jaċċetta lil kulħadd bħala dixxiplu: lil Maddalena bil-passat oskur tagħha, lil Ġużeppi ta’ Aramatea, Fariżew u sinjur minn butu, lill-imġidma, id-dgħajfa, iz-zopop u l-għomja. Ħadd eskluż – basta kellhom rieda tajba.

Il-ħitan tas-sejjieħ jew tal-konkoss li aħna l-bnedmin irnexxilna nibnu b’mod tant artifiċjali jistgħu jitħattew bir-rieda tagħna lkoll, izda qabel irridu nbiddlu l-ebusija ta’ qlubna, nwarrbu il-preġudizzji, u ma nbarrux lil min, għal xi raġuni jew oħra hu differenti minna. “Meta? Jekk hemm bzonn, ħajjitna kollha”!

 

 

 

1 - 10 - 2003

 

TONIO BORG


   

 
Copyright (C) 2003-4 Dr. Tonio Borg LL.D., M.P. - All rights reserved.